L-Impenn (commitment)

Ġakki u Marlon, żewġ soċi żgħażagħ fil-Mużew ta’ San Ġorġ Preca, jattendu qasam kbir lejn iċ-ċentru ta’ Malta. Sitt xhur ilu ftiehmu li nhar ta’ Sibt jibdew jiftħu l-qasam tal-Mużew siegħa qabel  il-lezzjoni tas-Sibt filgħaxija u jżommu l-Mużew miftuħ sa tliet kwarti oħra wara l-lezzjoni. Iż-żgħażagħ setgħu jilagħbu qabel u wara l-lezzjoni tal-katekiżmu ta’ kull nhar ta’ Sibt. Ġakki u Marlon kienu jduru maż-żgħażagħ, jilagħbu magħhom inkella  jgħallmuhom xi logħba ġdida; drabi oħra, waqt li ż-żgħażagħ jilagħbu, huma  kienu jippreparaw xi ħarġa jew jiddiskutu kif se jtejbu l-operat tagħhom maż-żgħażagħ. Minn xahrejn ’l hawn imma, Ġakki, wara li beda kors ta’ darbtejn fil-Ġimgħa fl-MCAST, avża lil Marlon li nhar ta’ Sibt ma setax ikompli jattendi l-qasam kmieni biex jgħinu waqt il-ħin tal-logħob  taż-żgħażagħ.

Marlon ħa għalih għax deherlu li Ġakki kellu jżomm l-impenn li kienu daħlu għalih huma t‑tnejn. Marlon deherlu li Ġakki kellu jsib ħin ieħor biex jistudja u mhux jaqta’ mill-impenn ta’ nhar ta’ Sibt. Ġakki deherlu li issa kellu prijoritajiet oħra u allura ma setax ikompli bl-impenn li kien ħa ma’ Marlon. Marlon issa tant qiegħed iħossu iddispjaċut li qiegħed jaħsibha jkomplix jiftaħ il-Mużew daqshekk kmieni. Qiegħed iħossu waħdu u iżolat. Fejn qabel kien jieħu gost meta jasal is-Sibt, issa sar jieħu qatgħa u jħossu bla moral.

Hawnhekk, nixtieq inpoġġi dawn il-mistoqsijiet għar-riflessjoni:

  1. Nistgħu ngħidu li Ġakki naqas mill-impenn lejn sieħbu u lejn iż-żgħażagħ li jattendu l‑Mużew?
  2. Marlon kellu raġun jieħu għalih u jiddispjaċih?
  3. Taħseb f’xi parir/i li tista’ tagħti lil Ġakki u /jew lil Marlon?
  4. Taħseb li hemm ċans li Ġakki u Marlon, ’il quddiem, jistgħu qatt jerġgħu jaħdmu flimkien bl-istess gost li darba kienu qed jaħdmu flimkien bih?

Kif wieħed jista’ jinduna, l-impenn jew in-nuqqas ta’ mpenn jaffettwana lkoll. Romina ftiehmet ma’ Sandra biex il-Ħadd joħorġu flimkien. Siegħa qabel l-appuntament Romina bagħtet SMS lil Sandra u qaltilha li dakinhar ma tistax toħroġ. Sandra qagħdet ġewwa wkoll għax issa kien tard wisq biex tiftiehem ma’ xi ħadd ieħor. Meta Romina reġgħet uriet nuqqas ta’ commitment għat-tieni darba, Sandra fittxet ħbieb oħra, avolja l-kumpanija ta’ Romina kienet togħġobha. IN-NUQAAS TA’ MPENN MA JGĦINNIEX NAGĦMLU L-ĦBIEB, ANZI, ITELLIFNA L-ĦBIEB.

waqt ix-xogħlijiet
li nagħmlu, l-impenn
m’għandu jonqos qatt. 

Toni jaħdem l-aluminju. Huwa magħruf li meta jagħtik data jżommha. Il-kelma tiġri u Toni tant żdiedlu x-xogħol li kellu jdaħħal żewġ lavranti biex jgħinuh. MIN JAGĦTI KELMA U JŻOMMHA, IN-NIES TFITTXU. MIN MA JŻOMMX KELMTU, IN-NIES TEVITAH.

Inħarsu madwarna u nosservaw kemm hu sabiħ meta nimpenjaw ruħna bis-serjetà. Ngħid għalija, inħossni nagħmel kuraġġ kbir fil-ħajja meta nosserva:

  • lil Mario li qatt ma jasal tard għall-ebda appuntament
  • lis-saċerdot li kull nhar ta’ Ġimgħa fil-5.00pm jidħol fil-konfessjonarju u ma jiċċaqlaqx qabel is-7.00pm, jagħti l-pariri lil min jitlobhomlu
  • lil Moira li, lil ħabibtha Martha, meta kienet għaddejja minn perjodu diffiċli, qatt ma qaltilha: “Mhux illum, (jew) ma nistax nisimgħek issa għax mgħaġġla!”
  • lil Fredu li daħal abbati u xemx u xita qatt ma jfalli laqgħa jew quddiesa
  • lis-superjur tal-Mużew li, puntwalment, kuljum, anke fil-weekend, jiftaħ il-qasam għal-lezzjonijiet tal-katekiżmu
  • lin-nisrani li anke meta jonqsu l-aptit, imur xorta għall-quddies
  • lis-segretarju tal-każin li b’impenn, kull laqgħa tal-kumitat li jkun hemm, tarah jitla’ nofs siegħa qabel, jipprepara l-kamra għas-seduta, u wara l-laqgħa jikteb il-minuti u jibgħathom lil sħabu fil-ħin
  • lin-nurse li qatt ma nstema’ jgħid lil xi pazjent, “Bħalissa m’għandix ċans!” 
  • lill-ġenituri, li lit-tfal qatt ma qalulhom, “Mhux illum, illum irriduh għalina biss!”
  • lid-deputat parlamentari u lill-kusillier li dejjem attendew u ipparteċipaw b’impenn fil-laqgħat kollha tal-gruppi tagħhom
  • lill-għalliem li dejjem ipprepara l-lezzjonijiet barra l-ħin tal-iskola għax jemmen li l-ħin mal-istudenti huwa prezzjuż u ma jerġax jiġi;

lil tant u tant persuni oħra li ………. l-impen jeħduh bl-ikbar serjetà.

Tony Pace
15 ta’ Frar 2011

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: