Ittra miftuħa lis-saċerdoti

Attendejt quddiesa ta’ funeral fi knisja kbira lejn in-Nofsinhar ta’ Malta; il‑funeral kien ta’ persuna importanti; knisja ippakkjata bin-nies, fost il-kongregazzjoni kien hemm l‑ogħla dinjitarji, il-President tar-Repubblika, il-Prim Ministru, membri miż-żewġ naħat tal‑kamra. Wasal il-mument tal‑omelija u għal għaxar minuti l-attenzjoni ta’ kulħadd kienet fuq ir‑riflessjonijiet li qed jagħmel is-saċerdot…….

Għażiż saċerdot, ifhem x’qawwa għandhom dawk l-għaxar minuti tal-omelija. Ifhem li dawk ir-riflessjonijiet se jkunu fl-isfond ta’ moħħ il-Prim Ministru fil-laqgħat tal-Kabinett li ġejjin. Ifhem li l-istess ħsibijiet se jkunu fl-isfond ta’ moħħ il-membri parlamentari fil-laqgħat tal-Parlament li ġejjin. Ifhem kemm faraġ tista’ ġġib bi kliemek lill-familjari u l-qraba tal-persuna li ħallietna.

Ġanni jistenna l-jum tas-Sibt bil-ħerqa. Nhar ta’ Sibt ma jkunx xogħol u għalhekk ikun jista’ jdur dawra mal-bżonnijiet tad-dar u tal-ġnien. Normalment, wara ġimgħa xogħol, is-Sibt iserraħ moħħu, imma fiżikament jgħejja ħafna. Is-Sibt filgħaxija jinħasel imbagħad imur jisma’ l‑quddiesa tas-7.00pm.

Għażiż saċerdot, tifhem kemm Ġanni u l-kongregazzjoni kollha qed jistennew bil-ħerqa erba’ kelmiet ta’ inkoraġġiment mingħandek. Tifhem kemm huwa delikat, anzi jiena nsejjaħlu sagru dal-mument tal-omelija. Tifhem kemm tista’ sserraħ nies, kemm tista’ tgħallem, tfarraġ, tinkoraġġixxi. Tifhem x’qawwa u x’intensità fih il-mument tal-eżortazzjoni.

Rożina ilha ma toħroġ barra disa’ xhur. Saħħitha ilha sejra lura u issa qas tiflaħ tqum mis-sodda. It-tlett itfal tagħha, kollha miżżewġin, jieħdu ħsiebha mill-aħjar li jistgħu. Imma matul dawn l‑aħħar disa’ xhur, il-mument l-iktar mistenni minn Rożina huwa kull nhar ta’ Ġimgħa filgħodu meta Dun Mattew jiġi jżurha, iqarbinha, u sikwit iqararha.

Għażiż Dun Mattew, faċli tinduna x’ġid qed tagħmel iż-żjara tiegħek ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa għand Rożina. Il-ġid li qed tagħmlilha huwa mmens, ma jitkejjilx.

Għeżież saċerdoti, dawn kienu biss tliet eżempji kif il-bniedem tal-lum qiegħed jibbenefika mis-servizzi tagħkom. Minkejja li intom sikwit tkunu fil-mira tal-kritika ta’ bosta, ngħidu x’ngħidu, aħna baqgħalna bżonnkom.

Dan l-aħħar impressjonatni ħafna Rita, mara simpatika ta’ 75 sena. Fil-kwistjoni politiku-reliġjuża tas-sittinijiet żewġha kien involut ħafna fil-politika. Ma setax jonqos li dak iż-żmien Rita kienet tara lis-saċerdot ikrah minħabba l-kwistjoni tal-interdett. Ftit ilu nzertajt lil Rita titkellem mal-ġara; il-ġara qaltilha kif ġuvni li joqgħod fl-istess triq tagħhom, kien għadu kif daħal is-seminarju jistudja biex isir qassis. Ma stajtx nemmen meta nnutajt liż-żewġ nisa litteralment jibku bil-ferħ għal din l-aħbar. U rrealizzajt kemm minkejja żewġ kwistjonijiet politiku-reliġjużi matul l-aħħar seklu, l-aħbar li xi ġuvni Malti ħaddan is-saċerdozju għadha tnissel ferħ sinċier fost il-Maltin.

L-aħħar kelma, għalina l-lajċi. Kif nistgħu nsaħħu r-relazzjoni tagħna mas-saċerdot? Dawn li ġejjin huma xi suġġerimenti:

  • Ejja nirrispettaw lis-saċerdot;
  • ejja ma niżolawhx billi nippruvaw nirredikolaw xi tagħlim tal-knisja;
  • ejja niddiskutu miegħu meta ma naqblux imma mhux insejħulu antikwat;
  • ejja nipparteċipaw fl-inizjattivi li jieħu għall-ġid tagħna. 

EJJA NAPPREZZAWH.

(Tony Pace 12 ta’ Jannar 2011)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: