Għidli, Għallimni, Ikkonvinċini

Għidli, Għallimni, (imma fuq kollox) Ikkonvinċini: Ġenituri, għalliema, predikaturi, youth leaders: dawn kollha, kontinwament, jippruvaw jgħaddu messaġġi ta’ valuri tajba lill-alljevi tagħhom. Finalment, dawn l-edukaturi, kollha jixtiequ jaslu biex jikkonvinċu lill-istudenti tagħhom li l-valuri li qed jippruvaw jgħaddulhom huma valuri tajbin. Għax, kollha jemmnu li permezz ta’ dawn il-valuri tajbin, ħajjitna se tisbieħ.

Kif tista’ tikkonvinċi lil xi ħadd? Mhux faċli. Jekk, għax b’saħħtek, taqbad lil xi ħadd minn għonqu, int forsi tista’ iġġiegħlu jagħmel dak li tridu jagħmel int, imma żgur li m’intix qed tikkonvinċih. Il-konvinzjoni hija xi ħaġa li tmiss il-profondità tal-qalb tal-bniedem. Huwa ħafna iktar faċli li tgħid u li tgħallem lil xi ħadd milli tikkonvinċih.

Katrin hija omm ta’ żewġ ulied. L-omm tħobb tgħid ħafna lil uliedha biex iħarsu u jibżgħu għall-ambjent. Tħobb tgħallimhom kemm il-ħmieġ iġib il-mard. Katrin tħobb tirrakkuntalhom u tgħallimhom kif fil-passat, il-pesta, il-kolera, it-trakoma u ruxxmata mard ieħor kien komuni ħafna fil-Gżejjer Maltin minħabba l-ħmieġ. Nhar il-Ħadd li għadda waqt li kienu dawra bil-karozza mal-papà, it-tfal qaxxru biċċtejn ċikkulata. X’ħin rat li ma kien qed jarahom ħadd, Katrin qalet lil uliedha li, billi l-papà kien għadu kif ħasel il-karozza l-jum ta’ qabel, jistgħu jeħilsu mill-karti billi jarmuhom mit-tieqa ’l barra. Ovvja li l-valuri ta’ ulied Katrin se jkunu “mħawdin”. Għax f’dal-każ, u f’ħafna każi oħra, l-eżempju li tathom ommhom Katrin ma jikkonsolidax dak li qaltilhom u dak li ippruvat tgħallimhom qabel.

Għax huwa l-eżempju li jikkonvinċi. Nistgħu ngħidulhom lit-tfal, nistgħu ngħallmuhom …….. imma fl-aħħar mill-aħħar huwa l-eżempju li nagħtuhom li se jikkonvinċihom liema valuri se jħaddnu f’ħajjithom. Fi kliem San Ġorġ Preca: “Il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar”.

Kemm hawn Insara konvinti mit-twemmin tagħhom? Nistgħu ngħoddu, u naħdmu statistiċi dwar in-numru ta’ Nsara mgħammda. Imma l-konvinzjoni tagħhom ma tista’ qatt tkejjilha; tista’ biss teżamina l-mod kif l-Insara iġibu ruħhom. Kristu jgħidilna biex, bħala Nsara naħfru. Kristu għallimna kif anke lill-għedewwa tagħna, jeħtieġ naħfrulhom. Però issa qed jistenna l-eżempju tagħna biex bih nikkonvinċu lil ta’ madwarna li il-maħfra hija valur.

Wara 31 sena żwieġ, Ġanmarì iltaqa’ ma’ Martha, xebba ta’ 24 sena. Ġanmarì telaq mid-dar biex imur joqgħod ma’ Martha. Jum wieħed Ġanmarì sofra stroke li ħallietu fil-bżonn li xi ħadd jew xi istituzzjoni jieħdu ħsiebu. Martha rrifjutat li ddur bih. Martu ħafritlu u aċċettatu lura u daret bih. X’taħsbu li qalu l-familjari, il-ħbieb u n-nies tat-triq fuq mart Ġanmarì? Kollega tax-xogħol tiegħi irrakkuntatli din l-istorja. Il-kollega tiegħi, pjuttost bniedma spiritwali, kienet issemmi dal-każ bħala eżempju ta’ maħfra Nisranija. 

San Ġorġ Preca jgħid oħra tajba: “Waqt il-prova kollox.” Alfred u Saviour kienu jaħdmu f’uffiċċju wieħed. L-istaff kollu, xi 12-il ruħ ftiehmu li jixtru rigal lil Marianne li kienet se tagħlaq sninha. Inkarigati minn sħabhom biex jixtru r-rigal f’isem kulħadd, Saviour u Alfred telgħu sal-Belt wara x-xogħol u xtraw ħajta deheb tiswa 60 ewro. Tal-ħanut reħielhom xi ħaġa, allura Alfred issuġġerixxa lil Salvu biex jgħidu li nefqu 70 ewro, u hekk jitfgħu 5 ewro kull wieħed fil-but. Salvu ma riedx jaf. Salvu konvint mill-valur ta’ l-onestà.

Horace kellu vizzju jilgħabha tal-bully, u ftit jew wisq sħabu kollha kienu jibżgħu minnu. Fil-brejk, minn wara dahar l-għalliem, Horace ta xebgħa lil Ġużi. Toni ra kollox, imma beża’ minn Horace u ma tkellimx. Toni kien konvint li Ġużi kien il-vittma. Il-biża’ fih kien qawwi wisq. Il-konvinzjoni waħedha, mingħajr il-kuraġġ ta’ karattru sod, ftit li xejn tiswa. L-Appostli kienu konvinti mit-tagħlim u mill-eżempju li tahom Ġesù. Imma finalment kien l-Ispirtu s-Santu li sostna l-konvinzjonijiet tagħhom biex setgħu jegħlbu l-biża’ u jibdew jaqdu l-missjoni tagħhom.

Nistiednek taħseb ftit u tirrifletti dwar dan li ġej: “Isma’ bilfors, emmen jekk trid!” Hija verità. Biex temmen trid tikkonvinċi ruħek. Bosta proġetti twettqu għax min kellu jattwahom emmen biżżejjed fihom. Twemmin li jkun ġej minn konvinzjoni soda, idakkar lil ħaddieħor. Niftakar sala kbira qed tinbena. Id-data tal-inawgurazzjoni kienet qed toqrob u t-target ma kienx se jintlaħaq. Il-foreman, fejn is-soltu jordna biss, did-darba xammar il-kmiem, u medd idejh bħall-ħaddiema. Qatt ma kien għamilha qabel. Il-ħaddiema immotivaw ruħhom u s-sala tlestiet. L-eżempju jikkonvinċi u jimmotiva. Fl-opinjoni tiegħi, l-edukaturi kollha (ġenituri, għalliema, katekisti, predikaturi, youth leaders … il-politiċi – għala le!) huma fid-dmir li b’enerġija kbira, jevitaw li jippridkaw ħaġa u jagħmlu l-kontra. Il-ħsara li jistgħu jagħmlu hija tremenda. L-imħuħ jitħawdu, il-valuri jieħdu daqqa ta’ ħarta. L-eżempju tal-edukaturi huwa essenzjali għall-formazzjoni tal-karattru taż-żgħażagħ tagħna. Bil-kelma Essenzjali qed nifhem xi ħaġa li ma ngħaddux mingħajrha. Hawnhekk noqogħdu attenti. Frans huwa missier ta’ tlett itfal. Frans jagħmel mill-aħjar biex lil uliedu jagħtihom eżempju tajjeb. Għax huwa uman, Frans faċli li jiżbalja. Imma uliedu jagħmlu differenza bejn l-iżbalji li jista’ jagħmel missierhom għax huwa UMAN, u bejn l-attentati ġenwini ta’ missierhom biex jipprattika hu dak li jgħallem lilhom u biex ma jagħmilx hu dak li jgħid lilhom biex ma jagħmlux. Hekk pereżempju, ma jfissirx li Frans qatt ma jitlagħlu… anzi.. Ulied Frans qed jieħdu eżempju tajjeb minn missierhom. Għax Frans jgħid….. jgħallem….. u b’eżempju mimli umanità jikkonvinċi.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: