Għażliet u Preferenzi

Qatt ħsibt kemm l-għażliet li jkollna nagħmlu f’ħajjitna, bosta drabi, huma f’konflitt serju mal-preferenzi tagħna? Tixtieq tiskopri x’inhuma l-preferenzi tiegħek? Fittex fil-qiegħ u fil-fond ta’ qalbek. Tixtieq tiskopri x’inhuma l-għażliet li qed jirnexxilek tagħmel? Ikteb djarju, imqar għal ġurnata.

Kemm niddejjaq nagħżel. U naf għaliex niddejjaq: niddejjaq nagħżel għax kull għażla titlob minni deċiżjoni. Ħafna drabi jkolli nagħżel skond il-bżonn, mhux skond il-preferenzi vera tiegħi. Nippreferi bħalissa, li kieku qiegħed quddiem it-T.V. irpusat, bi flixkun birra quddiemi, imma għażilt  li naħsel il-platti. Għax hekk hemm bżonn.

Fl-intrata hemm erba’ umbrelel. Donnu kulħadd jippreferi l-istess waħda, u allura, dik li nippreferi jien, dejjem jilħaqha xi ħadd qabli. Ikolli nagħżel mit-tlieta l-oħra…. it-tlieta nsibilhom xi difett!

Għandi żewġt itfal. Noqgħod attent kemm nista’…… imma ….. bla ma rrid …. ma nafx għalfejn, nippreferi lil waħda minnhom. Forsi għax għandha problema li titlob ċertu attenzjoni. Jibqa’ l-fatt li naħseb ħafna fuqha, u ngħinha ħafna iktar mill-oħra. Maċ-ċirku ta’ madwari, lilha nsemmi l-iktar.

Għandi 40 sena. Meta nħares lura nippreferi niftakar f’episodji u esperjenzi sbieħ. Mhux dejjem jirnexxili. L-ikrah donnu jispikka wisq. L-għażla qatt ma ġiet faċli għalija.

Għandi ħafna ħbieb. Imma nippreferi persuna partikolari li ma niddejjaq qatt nitħaddet, niftaħ qalbi, niltaqa’, naħdem, nitlewwem u nerġa’ nagħmel paċi magħha..

Is-sajf li ġej għandi ċans inżur l-Ungerija, Spanja, l-Italja jew il-Ġermanja. Jien nixtieq nerġa’ mmur il-Ġermanja. Billi ġa mort darbtejn, se jkolli mmur l-Ungerija. Ifhimni, xorta se nieħu gost, imma .. kieku kien jiddependi minni biss, nippreferi nerġa’ mmur il-Ġermanja. Nifhem li l-għażla, bosta drabi, ma tistax tkun tiegħi waħdi.

Il-mestier tiegħi huwa dak ta’ għalliem. Għamilt diversi xogħlijiet oħra. Nippreferi dak ta’ għalliem. Bħalissa fuq ix-xogħol għandi problema u għalhekk m’iniex għal qalbi. Ma nafx x’se nagħmel. L-għażliet jafu jkidduk.

L-iskola attent immens biex ma nagħmilx preferenzi. F’kull klassi jinbet xi student li nippreferih fuq l-oħrajn. Narah simpatiku iktar mill-oħrajn. U jkolli nagħmel sforz biex ma nistaqsix dejjem lilu. Nifhem li l-preferenzi jistgħu jfixkluna fl-attivitajiet tagħna.

Kuljum nisbaħ b’lista ta’ affarijiet li suppost nagħmel. Kollha importanti u jeħtieġ nagħmilhom. Ikolli nagħżel biex nagħmel dik ix-xi ħaġa li hija l-iktar urġenti. Kemm nixtieq imqar naqta’ tlieta mil-lista li għandi, imma par idejn biss għandi.

Għax jinteressawni, inħobb naqra dwar ir-reliġjonijiet differenti li nibtu matul iż-żmien. Bdejt ħajti bħala kattoliku minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ fejn u għand min twelidt. Għalkemm għażilt li nibqa’ kattoliku, l-eżempju tal-kattoliċi mhux dejjem jinkoraġġini, anzi ġieli jfixkilni. Naqra dwar id-diversi reliġjonijiet l-oħra. Mhux għax imħajjar naqleb tafux! Sempliċiment jinteressawni. Ir-reliġjon inqisha bżonnjuża fil-ħajja ta’ kwalunkwe bniedem. Sikwit jiġu jħabbtuli biex “jiddiskutu miegħi”. L-ewwel ħaġa li jgħiduli hija kemm “jaqblu mal-fehmiet tiegħi”. Nitfixkel fl-għażla. Iżda mbagħad ngħid lili nnifsi: Jien jew nemmen jew ma nemminx.’ Niġġieldu fuq l-istess Alla jonqos! Fil-fatt l-istorja mimlija b’dawn il-ġlidiet, li saru taqtigħat għall-mewt, anke gwerer kbar.

Nieħu gost nieħu flixkun birra bil-kwiet mal-ħbieb f’atmosfera ta’ festa. Fl-atmosfera li nippreferi jien, kulħadd jixtieq il-ġid lil kulħadd, u kulħadd jaħdem flimkien. Iżda mhux kulħadd jirraġuna hekk. Xi wħud iddeċidew li l-birra jniżżluhieli velenu! Jinsistu li l-Madonna tagħhom aqwa minn tal-każin l-ieħor. U toħroġ il-vara, u jibdew l-insulti …… u did-darba, lanqas għażla ma baqagħli.

Kuljum nista’ nagħmel it-tajjeb, nista’ wkoll nagħmel il-ħażin. Irrid nagħmel it-tajjeb…. ikolli nagħżel…. mhux faċli.

Fuq il-T.V. hemm tliet programmi fl-istess ħin. Kollha interessanti. Hemm diskussjoni taħraq u fl-istess ħin relevanti għax-xogħol tiegħi. Barra minn hekk, bħal kull bniedem ieħor, is-sensazzjonaliżmu tad-diskussjoni  jaffaxxinani. Hemm film tajjeb fl-istess waqt. Biex tgħaxxaqha hemm ukoll il-futbol. Iċempel il-ħabib tal-qalb. Solvieli l-problema għax insejt it-tliet programmi tat-T.V. u għaddejt siegħa mill-isbaħ fuq it-telefon, nirrakkuntaw, niftakru u niċċajtaw.

M’hemmx li nistrieħ ftit minn dal-bżonn li rrid jew ma rridx…. ikolli nagħżel.  Nista’ nibqa’ sejjer sa għada nsemmi l-għażliet li qed ikolli nagħmel… imma se nieqaf. Għax …… l-akbar għażla, dik li nibda nifforma parti mill-ħolqien, ma għamilthiex jien. Xi ħadd, aqwa minni, jifhem ħafna iktar minni, għażilni bħala parti mill-pjan tiegħu. U fil-pjan t’Alla jien liberu biex nagħżel. Żamm għalih deċiżjoni oħra importanti: Hu se jiddeċiedi meta u kif jien nieqaf nagħżel.

Sadanittant, ikolli nammetti, skoprejt li meta nagħmel id-deċiżjoni tiegħi u  nagħżel dak li hemm bżonn nagħmel, mhux dak li jkolli aptit nagħmel, jirnexxili ngħix u mhux sempliċiment neżisti. Ħajti tkun ħafna iktar sħiħa. Għax … wara kollox, hija l-għażla li tagħmilni bniedem sħiħ, mhux il-preferenza.

Tony Pace Safi 2005

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: