Ħrejjef dwar il-Kant u l-Kor

X’inhi ħrafa? Bil-kelma ħrafa nifhmu: STORJA LI MHIJIEX VERA, STORJA FITTIZJA. Dawn li ġejjin huma xi ħrejjef dwar il-Kor Sine Macula ta’ Ħal Safi.

Ħrafa numru 1KULĦADD  JISTA’ JKUN MEMBRU TAL-KSM.  Le, mhux minnu. Biex tidħol korista, trid tagħmel test (eżami) tal-vuċi. Ma tistax tkanta fil-kor jekk ma tintonax man-noti li tkun qed tisma’ u ma’ sħabek li jkunu qed ikantaw. Trid ukoll tkun lestejt l-edukazzjoni Primarja tiegħek. Nagħmlu eċċezzjonijiet ma’ dawk it-tfal li jkollhom lil xi ħadd mill-ġenituri membru fil-KSM.

Ħrafa numru 2BIEX TKUN KORISTA TAJJEB MA JRIDX IKOLLOK IMPENJI OĦRA, U MA JKOLLOKX X’TAGĦMEL ĦAFNA.  Mhux veru. Il-koristi kollha huma nies impenjati mmens, min mod u min ieħor. Fil-fatt huma dawk il-persuni li ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa fit-time-management li jsibuha diffiċli ħafna biex jagħtu sehemhom f’xi għaqda bħalma huwa l-kor.

Ħrafa numru 3IL-KANT JAGĦMEL ĦSARA LIS-SAĦĦA. Assolutament ma hemm l-ebda verità f’dan. Meta l-kant ikun adattat u kontrollat, mhux talli ma jagħmilx ħsara, anzi ġie ippruvat xjentifikament li l-kant jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tad-demm fil-ġisem u għalhekk jagħmel tajjeb għas-saħħa. Barra minn hekk, il-kant u l-mużika jgħinu biex il-korist iħossu aħjar emozzjonalment.

Ħrafa numru 4: FIL-PROVI NILTAQGĦU L-IKTAR BIEX NGĦIDU KELMA, F’KELMA WAĦDA BIEX NISSOĊJALIZZAW. Mhux veru. Min ma jħobbx il-kant, inutli jagħmel ħafna ħbieb fil-kor għax qatt m’hu se jħossu komdu fl-impenji tal-kant u fil-provi..

Ħrafa numru 5BILLI NKANTAW FI GRUPP, TISTA’ TIŻBALJA KEMM TRID GĦAX MA TINSTEMAX.  Ħrafa oħra. Kull nota li mhijiex f’postha ittellef lil min qiegħed ikanta u lil min qiegħed jisma’. Il-livell tal-kant ikun għoli u xieraq meta kull nota ta’ kulhadd tkun f’postha.

Ħrafa numru 6BIEX TKANTA M’HEMMX GĦALFEJN TAGĦMEL SFORZ: huwa żbaljat min jaħseb hekk. Il-kant jeħtieġ l-enerġija u ħafna kontroll tan-nifs u muskoli tal-parti ta’ fuq tal-gisem, dejjem biex isir sura ta’ nies.

Ħrafa numru 7LADARBA PERSUNA TIDĦOL FIL-KOR, TRID TIBQA’ TAGĦTI SEHEMHA FIL-KOR GĦOMORHA KOLLU: mhux minnu. Kemm ilu jeżisti l-KSM kienu ’l fuq minn mitejn persuna li xi darba jew oħra kienu membri attivi.

Ħrafa numru 8IS-SOPRANOS HUMA AĦJAR MILL-ALTOS U T-TENURI AĦJAR MILL-BARITONI: Mhux veru. Korista j/tingħażel biex tkanta Contralto jew Soprano, Tenur jew Baritonu,  skont it-tessitura tal-vuċi tagħha / tiegħu. Ta’ min jgħid hawnhekk li ġeneralment il-Contraltos ikollhom iktar diffikultajiet mis-Sopranos minħabba li x-xogħol li jkantaw ikun tip ta’ akkumpanjament u mhux il-melodija dominanti.

Ħrafa numru 9IL-KOR IKANTA  L-KANT LI JOGĦĠBU:  Mhux minnu. Il-Kor ikanta dak ir-repertorju li jkun ġie miftiehem mal-isponsor tal-programm li jkun ser jiġi mtella’.Per eżempju, fis-servizzi liturġiċi l-kant jiġi miftiehem minn qabel mal-kappillan. Barra minn hekk, mhux il-kant ukoll hu adattat għal kull attività. Attività profana per eżempju, titlob kant minn films, musicals, opri eċċ u mhux kant reliġjuż.

Ħrafa numru 10: BIEX TKANTA SEW, SERRAĦ IL-VUĊI: din hija ħrafa. Meta tkun ilek ma tkanta, il-vuċi tal-kant terġa tiġi f’postha wara ħafna prattika u voice warming up. Iktar ma tkanta, il-vuċi iktar ittik. Naturalment dan ma jfissirx li tesaġera għax bħal kull muskolu ieħor, hemm limitu kemm il-kordi vokali jistgħu jitħaddmu f’tul ta’ ħin. It-taħriġ għalhekk hu importanti ħafna biex il-kordi vokali jissaħħu, u possibilment jiżviluppaw ukoll.

Tony Pace    2010  (dan l-artiklu nkiteb għall-fuljett parrokkjali li toħroġ il-parroċċa ta’ Ħal Safi)

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: