Il-Kor Sine Macula, il-festa Ta’ Lourdes u l-Opportunitajiet

Dan ir-ritratt  ġie ppubblikat f’Lulju ta’ l-1992 f’ġurnal Ġermaniż li joħroġ kuljum f’Ulm il-Ġermanja.

Huwa ritratt għażiż immens għall-koristi tas-Sine Macula li fl-1992, eżattament 15-il sena ilu,  taw tliet kunċerti ġewwa Ulm, fil-Ġermanja. Fir-ritratt il-kor jidher qiegħed ikanta L-IMNARJA ta’ Carmelo Pace fir-Rathaus ta’ Ulm. Il-kunċerti fil-Ġermanja kienu fost dawk l-opportunitajiet li fil-ħajja ma tantx issibhom ta’ spiss jew wara l-bieb kif ġieb u laħaq!

Iz-ziju tiegħi, Mro Angelo Pace (mill-Gudja) kitbilna biċċa muċika ħelwa bl-isem “Let All The People of the World Embrace in Peace” – mużika li tellajna fil-kunċert ta’ Ulm u ntlaqgħet tajjeb immens mill-udjenzi Ġermaniżi. Meta morna nirringrazzjawh tal-mużika li kitbilna kif ukoll ta’ l-arranġamenti mużikali li għamlilna għall-MISSA SANCTA CAECILIA ta’ Giuseppe Caruana, niftakar li qalli: “Ibni, jien ilni mas-sittin sena fil-mużika, u qatt ma kelli opportunità bħal din tagħkom!”.

X’attitudni għandna bħala kor lejn l-opportunitajiet? Darba, il-ħabib tiegħi it-tenur Arthur Micallef, li minn meta bdejna nieħdu sehem fil-festa Ta’ Lourdes fil-Qrendi dejjem kien wieħed mil-protagonisti tal-mużika li nesegwixxu, kien qalli: “Ton, qis li jekk tinqala’ opportunità, issibek lest u ippreparat!”  U naħseb għandu raġun. Bażikament, dan li ppruvajna nagħmlu matul il-25 sena li ilna noperaw, dejjem intejbu lilna nfusna biex meta tinqala’ opportunità, nutilizzawha tajjeb.

U hekk hu: hekk nistgħu niddeskrivu lill-Kor Sine Macula bħala:
(a) għaqda immexxija u kostitwita mill-voluntiera  
(b) għaqda li tagħti ħafna opportunitajiet lil bosta nies; 
(ċ) X’kienu l-opportunitajiet prinċipali li tana l-Kor? Meta għall-iskop ta’ dan l-artiklu għamilt riċerka fost uħud mill-koristi, mingħajr tlaqliq kulħadd qal li l-kor tana opportunitajiet mill-isbaħ.

Semmewli fost l-oħrajn:
(a) kemm sibna fil-kor “ħbieb” iktar milli sempliċi koristi 
(b)  kemm tgħallimna u żviluppajna t-talenti tagħna speċjalment bil-korsijiet li għamilna fit-Teorija Mużikali u fit-Teknika tal-Vuċi 
(ċ) il-kunċerti li tajna Ulm il-Ġermanja u Trecastagni l-Italja
(d) l-opportunità li nieħdu sehem fil-Bażilikata l-Italja f’seminar dwar l-enerġija alternattiva
(e) il-ħiliet li takkwista meta jkollok l-opportunità li tippjana u torganizza fi grupp
(f) it-talenti li tiskopri fik innifsek meta timpenja ruħek bis-serjetà fil-kor
(ġ) iċ-ċans li nużaw dak li nkunu tgħallimna, anke fid-daqq ta’ l-istrumenti
(g) l-opportunità li nipparteċipaw fil-Festival Internazzjonali tal-Korijiet fejn tgħallimna mmens mill-interazzjoni u l-osservazzjoni ta’ korijiet oħra l-opportunità li nipparteċipaw f’attivitajiet edukattivi u kulturali.

Il-Mużika tal-festi: il-koristi u jiena magħhom inqisu l-parteċipazzjoni tagħna fil-festi Maltin bħala opportunitajiet tajbin għalina. Fil-festi nkunu nistgħu:
(a) niltaqgħu u nirrelataw ma’ kulturi lokali (dawk magħrufa fis-soċjoloġija bħala sub-cultures)
(b) inkomplu nitgħallmu mill-mużika ta’ surmastrijiet differenti li bnew tradizzjonijiet mużikali validi in konnessjoni mal-festi
(ċ) ikollna l-opportunità biex bil-grupp tagħna nsebbħu l-liturġija tal-festi.

Huwa għalhekk li fil-festi nippruvaw dejjem noperaw bil-filosofija ta’ servizz lejn il-komunità li titlobna nkantaw – għalhekk nesiġu dejjem li s-servizz isir bil-qalb, mill-aħjar u b’attenzjoni sħiħa għad-direttivi tal-kappillan u x-xewqat ta’ l-organizzaturi.

Il-Festa fil-Qrendi – Hekk nistgħu ngħidu li meta l-kappillan u l-prokuratur tal-festa s-Sur Pinu Axiaq tħajru jwettqu bidliet fil-mużika tal-festa, raw fil-Kor Sine Macula il-potenzjal li dan il-grupp jista’ jwettaq il-policies tagħhom dwar il-festa. Il-kappillan kien qed jara nuqqas kbir fil-festa meta għall-quddiesa sollenni, l-attendenza kienet qed tkun waħda fqira. Dil-problema ipprova jindirizzaha billi jagħti opportunità lilna li nanimaw il-quddiesa ta’ filgħodu. Bdejna sena minnhom bil-quddiesa ta’ filgħodu biss. Sentejn wara, l-kappillan talabni nieħu ħsieb il-mużika tal-mutett tat-tridijiet, u l-mużika kollha ta’ nhar il-festa.

Hekk għall-festa tal-Qrendi, bit-tħabrik ta’ l-organizzaturi, qiegħed ikollna l-opportunità li nkomplu t-tradizzjoni mużikali ta’ Mro Fenech (bl-AVE GRATIA PLENA u l-antifona HODIE), filwaqt li ntroduċejna lil Oreste Ravanello bil- MISSA SANCTE JOSEPH u lil Mro Dr Paolo Nani bl-antifona HODIE. Ix-xewqa tal-kappillan Fr Mario hija li s-sena d-dieħla għaċ-ċentinarju ntellgħu l-quddiesa grandjuża ta’ Perosi. Dawn mhux kollha opportunitajiet?

X’kienu l-opportunitajiet prinċipali li kellu l-kor matul is-sena li għaddiet? Skont il-koristi, l-ikbar opportunità kienet il-quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann nhar l-Erbgħa 7 ta’ Marzu 2007 meta l-Mużew ta’ San Ġorġ Preca għalaq 100 sena.

X’inhuma l-opportunitajiet li nixtiequ li jkollna?  Meta fir-riċerka li semmejtilkom qabel staqsejt dil-mistoqsija lill-koristi, skoprejt prinċipalmet ħaġa waħda –  enerġija kbira fil-koristi li, ngħid id-dritt, lanqas qatt noħlom li nlaħħaq magħha! Bil-Malti, naqra r-risposti biss bdejt naqta’ nifsi ………..

  • li jkompli t-tagħlim tal-vuċi u tat-teorija mużikali
  • ikollna ċans ta’  ‘live-ins
  • li ntellgħu musical
  • li jkollna l-opportunitajiet għal ġemellaġġi ma’ korijiet interessanti
  • li nagħtu kunċerti barra minn Malta
  • inlestu s-CD li bdejna dis-sena …………………………… 

Dan hu l-Kor Sine Macula li kapaċi mill-ħolm  jgħaddi għall-azzjoni……………

Għal iktar tagħrif dwar il-passat, il-preżent u l-futur tal-Kor Sine Macula, u ritratti dwarhom, nkluż dwar il-kunċerti fil-Ġermanja u dwar iċ-ċelebrazzjoni tal-mitt sena tal-MUSEUM, żur il-website tal-Kor Sine Macula: http://schoolnet.gov/mt/sinemaculachoir

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: