Id-Demokratizzazzjoni tal-Mużika

Niftakar meta kien għad kelli sitt snin (fil-ħamsinijiet!) fil-Gudja, ir-raħal fejn trabbejt,  għall-festa ta’ Santa Marija kien jiġi jidderieġi l-mużika, il-Maestro di Cappella Giuseppe Camilleri. Il-mużika ta’ missieru Ferdinand għadha sal-lum (2010) tindaqq fil-festa titulari tal-Gudja. Fit-tridijiet, lejlet u nhar il-festa, Ommi Ġużeppa, wara li tagħmilli xi qalziet u qmis ġodda biex inżanżanhom għall-festa kienet tħeġġiġni biex immur il-knisja ħalli nisma’ l-mużika tal-festa. Missieri Lonzu, attivist u bandist mal-Banda La Stella u anke fl-orkestri tal-knejjes, kien jantiċipali x’se nisma’ ….. għadni misimgħu jgħidli: “Issa jiġu tenuri, baritoni, baxxi, vjolinisti, kuntrabaxxisti ….”,  insomma, ma’ Giuseppe Camilleri kienu jdoqqu u jkantaw il-mustaċċuni tal-mużika tal-ħamsinijiet.  

Niftakar li dak iż-żmien, l-idea li kelli tal-mużika kienet li dik hija mestier speċjali, sabiħa imma speċi, mhux għalina l-popolin. L‑iktar li stajna nagħmlu kien li nattendu l‑każin, nitgħallmu s-solfeġġ, il-kumitat tal-każin jislifna strument, u nitgħallmu ndoqqu erba’ marċi tal-festa. Meta bdejna nitfarfru, minħabba l-impatt li ħallew fuqna l-Beatles u l-Abba, qbadna l-kitarra u l-accordion. Imma dejjem bqajna sempliċi dilettanti. Il-mużika tajba, mużika impenjattiva ma kinitx ħobż għal snienna.

Sakemm ……. il-pajjiż irrealizza li bl-EDUKAZZJONI jista’ jasal ħafna. Mija u ħamsin sena ilu, il-Kummissarju Rjali Irlandiż Sir Patrick Keenan sab li 90% tal-Maltin kienu illitterati, jiġifieri la jafu jaqraw u lanqas jiktbu. Għall-grazzja t’Alla llum is-sitwazzjoni hija differenti għal kollox. Il-poplu Malti tgħallem jikteb u jaqra, mertu tal-liġijiet progressivi, il-valuri tal-ġenituri u, naturalment, is-sagrifiċċji ta’ bosta għalliema iddedikati.

L-istess ġara fil-mużika. Il-poplu Malti għamel avvanzi kbar. Meta l-livell ta’ għajxien tal-poplu Malti beda jitjieb, kien hawn iktar ħin liberu, żdiedu l-mezzi għat-tagħlim u ż-żgħażagħ tagħna ħatfu l-opportunitajiet li ġewhom. Infetħet l-Iskola tal-Mużika Johan Strauss li bdiet tirfina u tkompli tibni fuq dak li normalment kien jinbeda ġewwa xi każin tal-banda. Żdiedu l-gruppi mużikali. F’Ħal Safi fil-bidu tas-snin tmenin, fuq inizjattiva tal-kappillan Fr Mike Agius, beda l-Kor Sine Macula. Bit-tagħlim u bis-sagrifiċċju, il-kor tjieb fil-livell biex illum huwa kapaċi jimpenja ruħu fil-biċċiet mużikali li fil-ħamsinijiet kienu jiġu interpretati biss mill-mużiċisti mustaċċuni tal-kappelel famużi ta’ dawk iż-żminijiet.

F’Lulju tas-sena 2008 stednuna Ragalna, belt ċkejkna qrib il-Muntanja Etna fi Sqallija fejn ipparteċipajna fir-Ragalna Cori Estate. Kantajna wkoll f’quddiesa ġewwa Nicolosi; il-qassis anzjan li qaddes il-quddiesa ta’ Nicolosi baqa’ immeraviljat kif kor Malti magħmul prinċipalment minn żgħażagħ, interpreta mużika diffiċli bħal THEE WE ADORE ta’ GPL Palestrina. Fl-omelija esprima l-inkoraġġiment tiegħu biex iż-żgħażagħ Taljani wkoll jimpenjaw ruħhom fl-interpretazzjoni ta’ mużika impenjattiva bħal dik. 

Il-Kor Sine Macula u bosta korijiet tajbin oħra illum waslu biex jinterpretaw il-mużika ta’ Paolo Nani, ta’ Ferdinand Camilleri, ta’ Palestrina u ta’ Perosi. Il-mużika hekk saret iktar viċin il-poplu. Dan il-proċess ngħidulu id-DEMOKRATIZZAZZJONI tal-mużika. Din id-demokratizzazzjoni tal-mużika għandha prijorità fl-agenda tal-Kor Sine Macula.

  • Jalla l-gruppi mużikali bħall-każini tal-baned u l-korijiet jinvestu dejjem iktar u iktar fit-tagħlim tal-mużika, jinxtraw iktar kotba tat-tagħlim, jinxtraw strumenti eċċ……
  • Jalla l-mużika ssir dejjem iktar il-hobby/passatemp ta’ iktar u iktar Maltin
  • Jalla tispiċċa l-pika mill-mużika; ħalli jkollna kompetizzjoni/jiet imma qatt piki.
  • Jalla l-proċess tad-demokratizzazzjoni tal-mużika jitkompla u jimmatura.

© 2010, Tony Pace huwa d-direttur tal-KSM ta’ Ħal Safi li se jerġa’, għal sena oħra, janima l-festi liturġiċi tal-festa tal-Madonna Ta’ Lourdes ġewwa l-Qrendi

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: