Għalfejn Immorru Lourdes?

Kor SINE MACULA SAFI
X’hemm Lourdes? Għalfejn immorru? X’ifittxu l‑Maltin meta jmorru Lourdes?   (Dan l-artiklu nkiteb minn Tony Pace u ġie ippubblikat fil-ktieb tal-festa Każin Madonna Ta’ Lourdes Qrendi 2008)

Hi ħaġa ċerta li d-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Lourdes hija mxerrda sew fost l-Insara, kemm dawk Maltin kif ukoll barranin. Għall-iskop ta’ dan l-artiklu tkellimt ma’ sħabi l-koristi, ilkoll membri attivi fil-kor Sine Macula. Jirriżulta li 40% tal-koristi marru pellegrinaġġi u żjarat ġewwa Lourdes. Hemm min mar iktar minn darba. Il-kitba li ġejja hija bbażata fuq ir-riflessjonijiet tal-koristi.

X’iwassalna biex immorru Lourdes? Diversi raġunijiet…… kollha kemm aħna però nfittxu xi forma ta’ serħan spiritwali. Hemm ukoll element ta’ ‘avventura spiritwali’ !
+ Roberta iddeċidiet li tmur wara li ħabiba tal-mamà tagħha, li hija wkoll waħda mill-organizzaturi tal-volontarji li jmorru mal-morda f’Lourdes, fehmitha x’inhu x-xogħol eżatt tal-volontarjat li jtella’ l-morda Lourdes. Roberta tħajret għax Lourdes ratu bħala esperjenza differenti mis-soltu u peress li ‘kienet ilha tisma’ dwaru’ !
+ Fil-każ tiegħi, mort ma’ missieri meta dan sar jaf li kellu marda terminali u xtaq imur sa hemm. Nistqarr bla tlaqliq li ġewwa Lourdes missieri akkwista tip ta’ fejqan spiritwali li tah saħħa spiritwali biex biha seta’ jiffaċċja l-problema tat-tbatija li neċessarjament tasal ma’ esperjenza bħalma kellu hu.
+ Marianne u Freddie, għall-25 anniversarju mit-tieġ, damu ħafna jtellgħu u jniżżlu bejn Lourdes u l-Art Imqaddsa. Wara li Freddie kien ma jiflaħx serjament f’dik l-istess sena, l-għażla awtomatika kienet Lourdes.
+ Bosta, oriġinarjament marru bl-iskop ta’ vaganza, jew għax sabu grupp organizzat mill-parroċċa … xorta spiċċaw biex kellhom esperjenza mill-aqwa. Glenn mar biex jara l-grotta fejn dehret il-Madonna, kif ukoll biex igawdi x-xenarju rilassanti ta’ madwar Lourdes.

X’jiġi f’moħħna meta’ nisimgħu l-kelma LOURDES?  M’hemmx dubju li l-kelma biss, LOURDES, tnissel f’moħħna lkoll xi ħaġa sabiħa u pożittiva ….. kważi romantika! ……..   paċi kbira tal-qalb, solidarjetà, fidi żagħżugħa, xhieda ta’ fidi, rikonċiljazzjoni, aux flambeaux, xenarju mill-isbaħ, il-muntanji tal-Pirinej, kuntentizza, rassenjazzjoni waqt it-toqol tal-ħajja, nostalġija, serjetà, ġabra, emozzjonijiet, spiritwalità, għaqda, tberik tal-morda, kwiet, talb, purċissjonijiet, rużarju, devozzjoni, seħer, volontarjat. Kienet ovvja ma’ kull min tkellimt, li Lourdes ma tmurx u tiġi lura qisu ma ġara xejn; f’Lourdes hemm xi ħaġa misterjuża li taffettwak. Mawra sa Lourdes hija differenti minn safra x’imkien ieħor. Kulħadd apprezza l-fatt li ġewwa l-qalba ta’ Lourdes ma jsirx kummerċ; ħwienet hemm imma kollha barra mill-grotta.

Meta tmur Lourdes ….. xi tħoss speċjali? (Nikkwota) Tħoss ferħ li diffiċli wieħed jispjegah! Sens ta’ paċi kbira.  Tħoss li mintix waħdek fit-tbatija. Tħoss paċi u serenità kbira minkejja l-mard. Tħoss li l-fidi Kattolika hi fidi ħajja u li tifdi. Tħoss li hawn nies li jgħallmuk għax qed isofru bi tbissima.  Ħassejt li Ommna Marija hi Omm li tħobbna bis-serjetà u ma tixba’ qatt tieħu ħsiebna. Ħassejt sens ta’ ġabra specjali li diffiċli tidiskriviha, kulhadd jitlob fil-kwiet, bla storbju ….. fil-grotta….. bil-lejl….. meta kien telaq kulħadd…. għal ftit ħin qgħadt kwieta miġbura waħdi u hemmhekk ħassejt ħafna kalma u paċi…… (fil-grotta) bdejt ngħid lili nnifsi ‘………hawn dehret il-Madonna, persuna li għexet tant snin ilu u li tant sofriet bla ma kellha tort, persuna tant tajba….’! Ħassejt sensazzjoni li ma ħassejtha mkien iktar. Malli tinżel minn fuq it-trejn li wasslitna f’Lourdes ….. qisu bħal kulħadd beda jitbissem mingħajr ebda raġuni, fis-sens li tħossok qisu sibt lilek innifsek. Xogħol diffiċli, li meta tkun Malta tarah antipatku, ġewwa Lourdes tagħmlu mingħajr tgergir ta’ xejn u jkollok ħeġġa kbira biex tara l-għar fejn dehret ‘is-Sinjura’ lil Bernardette Soubirous!

Bosta dehriet, bħal dawk ta’ Lourdes, Fatima u Medjugorje, jikkonċernaw lill-Madonna u mhux lil Kristu! Tgħid għaliex? Il-biċċa l-kbira stqarrew li ftit li xejn ħasbu dwar dan il-punt. Għal Joan, ‘l-omm tibqa’ dejjem l-Omm! U din speċjali.   Naħseb li l-Omm tas-sema tirraġuna kif jirraġunaw l-ommijiet fuq l-art – trid twissi, ċċanfar, tiggwida lil uliedha’. Għal Leli ‘L-Omm kienet umana…. Kristu jibqa’ Alla’.  Għal Marianne ‘Ġesu għandu medjatriċi kbira li hija l-istess Ommu!’

Mawra sa Lourdes ….. taffettwana? ….. u jekk iva, kif !  Ġewwa Lourdes tħossok qiegħed il-Ġenna, allura l-esperjenza ma tistax ma taffettwakx’. Jirriżulta li meta ngħaddu minn mard u esperjenzi koroh, il-memorja ta’ Lourdes tkun ta’ konsolazzjoni għalina. Ġo Lourdes tħoss il-fidi … tħoss li anke l-iktar qlub iebsa, hemmhekk jistgħu jiċċaqalqu. Mill-banda l-oħra kien hemm min il-fidi tiegħu assolutament ma ħallihiex tintmess minn Lourdes; aħna ma għandniex nibbażaw il-fidi fuq il-mirakli. M’hemmx dubju imma li ġewwa Lourdes tħossok eqreb tal-Mulej u Ommu Marija. F’Lourdes jikber l-interess fil-Madonna, tapprezza iktar. Min mar ta’ età żgħira ftit li xejn jiftakar, allura ftit li xejn jirrifletti fuq il-fidi vis-à-vis Lourdes. Lourdes affettwa l-mod ta’ kif nitolbu. Roberta stqarret li wara Lourdes saret tara t-talb bħala li  qed titkellem ma’ xi ħadd li tafu, mhux bħal qabel meta kienet titkellem ma’ xi ħadd li ma tafux!

Kemm aħna konvinti li ġewwa Lourdes tassew dehret Ommna Marija? Ma tantx iltqajt ma’ nies dubbjużi dwar dan. Naturalment mhux kulħadd kien konvint bl-istess intensità.  Xi mirakli ta’ Lourdes huma konfermati mill-Knisja, xi ħaġa li mhix faċli. Lourdes tħoss iktar emozzjoni u spiritwalità; anke għal min mhux daqshekk konvint, xorta imma jħoss li xi ħaġa kbira u meraviljuża ġrat hemmhekk.

Madwar Lourdes hemm fejn tmur – id-dar ta’ Bernardette, knejjes sbieħ, il-muntanji tal-Pirinej, Gavarnie, il-kastell, il-fabbrika ta’ l-istatwi tax-xemgħa, Betharram hemm għerien maqtugħa ġol-muntanji stess, Pont d’Espagne (in-National Park of the Pyrenees). Il-banjijiet kienu popolari ħafna ma’ kull min mar.

Insomma, Lourdes għandu seħer fuq il-biċċa l-kbira ta’ l-Insara ….… qisek Lourdes ma tistax ma tmurx għallinqas darba f’ħajtek.

B’dawn ir-riflessjonijiet f’moħħna, nawguraw li l-pellegrinaġġi tagħna f’Lourdes iħallu l-frott mixtieq, dak li tassew nibdew ngħixu u nagħtu kas il-messaġġ tal-Madonna ta’ Lourdes u ta’ Kristu binha.

Tony Pace /  Safi April 2008  (Koristi li marru Lourdes: Marianne, Freddie, Marvic, Vonnie, Tiziana, Roberta, Donia, Leli, Glenn, Kate, Toni, Joan, Emma, Pauline)

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: