Rajt lill-Gudja Tinbidel (1953-2001)

(Dan l-artiklu nkiteb minn Tony Pace fis-sena 2001 fuq talba ta’ Salvu Mifsud li kien jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Każin La Stella – fir-ritratt jidher l-awtur meta kellu tmien snin).

Twelidt il-Gudja fl-1953 (illum għandi 48 sena). Ommi kien jisimha Ġuża. Missieri Lonzu. Għamilt 28 sena noqgħod il-Gudja. Imbagħad iżżewwiġt mara mill-Gudja stess u għal dawn l-aħħar 20 sena abitajt fir-raħal ta’ Ħal Safi.

Il-Gudja tal-ħamsinijiet u s-sittinijiet kienet differenti minn dik tal-lum.

Lin-nannu Ġużeppi min-naħa ta’ missieri ma niftakrux.  Imma lin-nanna Żeppa niftakarha sew. Hekk ukoll niftakar sew liż-żewġ nanniet min-naħa t’ommi, Anġla u Żeppi tal-Pinu.   Dan  l-aħħar iz-zija Karmena, oħt ommi, qaltli li n-nanna Anġla kienet ġejja minn razza minn San Lawrenz Għawdex.

Missieri Lonzu kien shipwright, u wara recorder fit-Tarzna ta’ Malta.   Kien daħal jaħdem hemm wara l-mewt ta’ missieru biex jgħin lil ommu fit-trobbija ta’ erba’ wlied.  Missier missieri miet meta missieri kellu erbatax-il sena.

Tfuliti norbotha mar-raba’. Iz-zijiet ta’ missieri, magħrufa bħala Ta’ Żakkew kellhom bosta raba’ lejn Bir Miftuħ fl-imħawi magħrufa bħala Tal-Isqof.  Tfuliti għaddejt ħafna minnha niġri f’dan ir-raba’.   Missieri kellu mansab hemm.  Iz-zijiet Ta’ Żakkew, Wenzu u Franġisk, li kien ukoll il-parrini tal-Griżma tiegħi, kienu jħalluna nimirħu fih bla xkiel.  Wara l-ħsad konna naqbżu fuq il-qiegħa. Bqajt miġbud lejn dan ir-raba’ sal-1973 meta l-biċċa l-kbira għamel wisa’ għar-runway il-ġdida tal-ajruport. Dan ir-raba’ li qed insemmi kien jiġi fejn illum hemm it-terminal il-ġdid.

In-nannu Żeppi min-naħa t’ommi kellu r-raba’ lejn il-Karwija. Kont immur ngħinu speċjalment fi żmien il-ħsad. Ġieli għent liz-zija Ċikka taħsad il-qamħ bir-ronka. Fil-maqjel fuq wara tad-dar fi Triq il-Lunzjata fejn għadha toqgħod iz-zija Karmni, niftakar it-trobbija ta’ annimali bħall-mogħoż.   Fil-għorfa ta’ fuq imbagħad kien hemm minġel mal-ħajt biex in-nannu jqatta’ l-għalf fuqu.

Fis-sajf, jien u ħuti Jessie, Daniel u Lina kont issibna fil-bitħa.  In-nannu Żeppi, bil-qiegħda, iqaxxrilna l-bajtar tax-xewk li jkun qata’ fil-għodu. Għadni nisimgħu jgħidilna bil-ħlewwa kollha: “Karamelli għalik Ton; tal-ħarifa għal oħtok” – dawn kienu kwalitajiet differenti tal-bajtar. Illum meta nqaxxar xi żewġ bajtriet għat-tfal, għakemm inxarrbu xi tliet darbiet, xorta jimlieni bix-xewk!

Xi ħaġa li kont nammira fin-nannu kienet il-kapaċità li jimxi ħafi, qisu mhux hu. Donnu għarqubu kellu skorċa naturali li ma tħalli xejn iniggżu.  Ippruvajt nimitah kemm-il darba.  Imma nistqarr li miniex kuntent bir-riżultat tal-isforzi tiegħi u lit-tfal tiegħi ingergrilhom meta narahom ħafjin!

Persuna li għadni niftakar sew kien iz-ziju Patist. Proprjament kien iz-ziju t’ommi. Kien joqgħod maz-zija (oħtu) Lukarda ’il ġewwa mis-salib.  Irkibt miegħu fuq il-karettun.  Kont immur għandu spiss.  Niftakru jaqbad bott tal-ħabib, jiftaħlu sensiela ta’ ‘twieqi’ b’imqass tal-landa, jagħmillu biċċa fildiferru bħala fus, żibġa bħala washer ……. U erħilu jdur u jagħqad mal-iċken żiffa. Dari kienet xena komuni ħafna tara dawn il-friefer u l-bottijiet iduru fuq il-bjut tal-irziezet.

Minbarra dawn it-tifkiriet ħelwin, iz-ziju Patist ħallielna wkoll piano accordion żgħir aħmar.  Milli jidher iz-ziju Patist kien għamel biċċa xogħol fil-ġebel lil xi ħabib, ma riedx flus u dan ħabibu xtralu accordion.   Niftakru jqabbel u jgħanni bih. Meta sirt aspirant il-Mużew, Salvu Farrugia ta’ Ħal Tarxien (konna ngħidulu Salvu tal-kant), Alla jaħfirlu, għallimni fitit għanjiet tal-Milied fuqu.  Minn dak inhar l-accordion sar karatteristika tal-Milied tiegħi. Jien domt soċju fil-MUSEUM sakemm kelli 24 sena. Fil-purċissjoni bil-Bambin, lejlet u nhar il-Milied, daqqejt b’dan l-accordion taz-ziju Patist kemm-il darba.   Normalment konna nkunu jien u Salvu tal-Kant.

Il-Milied, forsi minħabba r-rabta tiegħu mal-MUSEUM tal-qaddis Ġorg Preca, rabba bħal seħer fuqi. Kont u għadni nħobbu. Hekk lejlet il-Milied, tradizzjonalment, issir il-purċissjoni bil-Bambin il-Gudja. Nhar il-Milied imbagħad, aħna tal-Mużew tal-Gudja, u ta’ Ħal Kirkop konna nitilgħu Ħal Safi biex nagħmlu l-purċissjoni hemmhekk. Hekk nista’ ngħid li bdiet il-konnessjoni tiegħi ma’ raħal ħelu, Ħal Safi, dak iż-żmien ftit ’il bogħod mill-Gudja, illum maqtugħ naqra iktar minħabba l-mina ta’ taħt l-ajruport. Maż-żmien Ħal Safi, kellu jilgħab parti importanti f’ħajti, speċjalment dawn l-aħħar 20 sena.

Meta kelli 16-il sena u kont kandidat fil-Qasam tal-MUSEUM tal-Gudja, is-Superjur Giglio, li kien superjur tal-Korp, talabni nagħti ftit għajnuna lill-Mużew ta’ Ħal Safi li kien għaddej minn żminijiet diffiċli.  Għidtlu li kont wasalt biex nagħmel l-eżamijiet tal-GCE.   Qalli:  “Il-Bambin ma joqgħodx lura biex jgħin lil dawk li jgħinuh!” U sirt katekista Ħal Safi. Bir-rota kont nasal f’seba’ minuti, u jekk ir-riħ ikun favurik, tasal anke f’ħames minuti. Illum ngħid li “żammejna l-Mużew miftuħ”, kemm ma jagħlaqx. Però, bil-mod u bil-paċenzja, bdejna ninvolvu lit-tfal Ħal Safin.  Miegħi kienu taw daqqa t’id żewġ Gudjani oħra: Philip Zammit, ħu Mons Carmelo Żammit li sar Kanċillier tal-Kurja Arċiveskovili, u Manwel Barbara, il-Gunner. Il-Mużew ta’ Ħal Safi beda jiġi f’tiegħu, l-iktar wara x-xogħol tas-Superjur Pawlu Sammut taż-Żurrieq.

B’kollox domt tmien snin nattendi Ħal Safi, kważi mingħajr interruzzjoni.   Meta kelli 24 sena, wara battalja twila miegħi innifsi, iddeċidejt li l-Mużew jien kont wrong way. Kienet deċiżjoni iebsa, għax il-Mużew kont għal qalbi ħafna.  Diffiċli nispjega minn xiex wieħed jgħaddi f’battalja nterna u spiritwali bħal din. Min ma jgħaddix minn xi waħda simili naħseb li jibqa’ ma jifhimx. Għax il-Mużew jagħtik raison d’etre, skop eżistenzjali, jagħtik spirtu.

Nazzarda niddevja ftit u nikteb dwar il-Mużew, minħabba l-ispeċjalità tas-sena li qed nikteb fiha (2001), is-sena tal-beatifikazzjoni tal-fundatur Dun Ġorġ Preca. Fi programm tat-televiżjoni fil-ġimgħa li fiha ġie l-Papa fostna, l-ex-President tar-Repubblika, Dr Ugo Mifsud Bonnici, kittieb u ħassieb, ħareġ b’teorija li laqtitni.  Qal li Dun Ġorġ salva lil Malta minn apostasija (iċ-ċaħda tar-reliġjon). Ma nħossnix kompetenti li nesprimi ruħi favur jew kontra din it-teorija.  Li nista’ ngħid hu li Dun Ġorġ bil-mod kif  ‘afda’  t-tagħlim f’idejna l-lajċi, żgur li kellu effett pożittiv fuqna lkoll.

B’xi mod, is-soċjetà Maltija dis-sena ‘analizzat’ il-Mużew tal-Beatu Dun Ġorġ Preca. Il-Mużew, għal min jgħixu, jagħtih spirtu.  Wieħed Ġiżwita ħabib tiegħi li fil-fatt anke żewwiġni, Fr Alfred Micallef, qal li hu, wara 15-il sena l-Uganda kien għadu jħoss it-timbru tal-Mużew. Ipprova ma jxiddux, imma ma rnexxilux. Jekk ‘tgħix” il-Mużew għal perjodu twil tħossok differenti minn ta’ madwarek. Li nsostni hu li la tħossok aħjar/superjuri u lanqas inferjuri/agħar minn sħabek.   Naħseb li bażikament tħossok fid-dinja imma mhux tad-dinja.  Nistqarr li taż-żmien li għamilt il-Mużew qatt ma ddispjaċieni. Lil marti ġie li għidtilha, speċjalment wara li laħaq superjur ħabibi Ġulinu (Mikelang) Spiteri, li nammira ħafna, li nitħajjar “nerġa’” nidħol fil-Mużew.  U hi (nispera li biex tinkini) tħobb tgħidli:   “Mela int qatt ħriġt mill-Mużew!”

Insomma, meta kelli 24 sena ippruvajt ninqata’ mill-Mużew u fil-fatt ktibt l-ittra tad-dimissjoni. Kont għadni kif bdilt ukoll il-karriera. Wara 5 snin fil-Costing Department u Time Study tal-Malta Rubber, u wara avventuri kontinwi bħala postman f’Wied il-Għajn, bdejt il-kors  li wara ħames snin kellu jikkwalifikani bħala għalliem. Grupp ta’ ħbieb daħħluni fil-Christ Our Neighbour Group (CONG).  Konna nagħmlu (u l-membri ta’ dan il-Grupp illum għadhom jagħmlu)  xogħol volontarju mat-tfal fl-istituti, max-xjuħ, il-Little Sisters of the Poor u D-Dar tal-Provvidenza.   U hekk iltqajt ma’ marti Joan.

Fin-Novena tal-Milied, aħna tal-CONG konna nidħlu l-Belt b’qabda kitarri u jien bl-accordion biex bil-kant tagħna, niġbru l-flus għad-Dar tal-Provvidenza.   U hekk l-‘accordion’ u l-Milied tiegħi baqgħu parti sew minn ħajti.

L-istorja tal-accordion li għandi llum tgħid hekk: Meta kont pustier Ħaż-Żabbar, wara li niġbru l-kaxxi u nissortjaw l-ittri, kien ikollna siegħa żmien sakemm nistennew li jasal il-vann mill-Belt.  Min kien jagħmel qadja, min joqgħod jaqra, min jirrakkonta xi barzelletta u .. min jilgħab in-numri tal-lottu jew ‘idawwar’ xi logħba karti.  Għalkemm missieri u ħija huma riċevituri tal-lottu, il-logħob qatt ma kien ħabibi. Għamilt sitt xhur nagħmel hekk: jekk sħabi jilagħbu 50c karti, jien nitfa’ 50c ġo bott.   Lira lottu u jien kont nitfa’ lira.   F’sitt xhur xtrajt accordion ‘second hand’ li qamli Lm100! Fis-sebgħinijiet Lm100 kienu flus, iżjed minn paga ta’ xahar. Ippruvajt nuri lil sħabi li min ma jilgħabx dejjem rebbbieħ.

Inkomplu bit-tifkiriet. Meta tlaqt mill-Mużew kelli iktar ħin il-Gudja.  Bdejt nitgħallem il-kurunetta mal-Banda La Stella.  Fil-Milied tal-1978 kont wasalt biex noħroġ indoqq il-carols mal-Banda.  Dak il-Milied, iżda, mradt u ma ħriġtx.  Bl-impenji li kelli ittraskurajt il-kurunetta u ma komplejthiex. Ibni David illum qed ikompli fejn ħallejt jien u qed jitgħallem idoqq il-kurunetta.

Fl-għaxijiet konna nintefgħu is-section taż-żgħażagħ, fejn illum hemm l-HSBC.  Konna nixorbu flixkun birra u ngħidu kelma. Hector Sammut, li kien ikun is-section ukoll, ħajjarni ntellgħu pageant. B’xi mod qbadna r-ritmu u l-Pageant kienet tirnexxi.  Għamilna pageants fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira kif ukoll fil-Milied.   Ġieli konna madwar 120 ruħ nieħdu sehem.  L-irġiel u l-ġuvintur kollha kienu jkunu jridu joqogħdu suldati; biex insibu 12-il appostlu konna nbatu! Ngħid il-verità,  wara li għaddejt daqshekk żmien fil-Mużew fejn ukoll konna nagħmlu attivitajiet bħal pageants, attività kif issuġġerixxa Hector niżlitli għasel.   Sibt grupp ta’ nies li bħali dan il-proġett għoġobhom.   Hector kien dak li jaħdem il-props.   Kien kreattiv immens.   Gejtu Zammit kien jieħu ħsieb is-sound effects.   Joe Azzopardi, il-Markiż, intefa’ fuq id-dwal.  Johnny Calleja ħadem il-parti ta’ Kristu b’suċċess għal sena wara l-oħra.  Karmnu Mangion, wera ruħa attur ta’ talent fil-parti ta’ Ġuda.   It-tgħalliqa ta’ Ġuda u l-flaġellazzjoni kienu żewġ xeni li ma tixbax tarahom.   Nardu Cutajar kien jaħdem il-parti taċ-ċenturjun, Joe Bilocca u Karmnu Dalli kien qassisin filwaqt li Joe Dalli kien iqaxxar sew il-parti ta’ Pilatu.  Carmen Dalli, oħt marti Joan, idderiġiet il-pageant diversi drabi.  Kellha leħen tajjeb u bosta kwalitajiet li jagħmluha leader.  Illum Carmen, miżżewġa u bi tlett itfal, segwiet b’suċċess karriera li wasslitha għal dottorat f’ “Early Childhood education”. Tgħallem fl-Università ta’ Wellington, New Zealand fejn tgħix.  Meta Carmen spiss iżżurna, dejjem insemmu l-pageants b’nostalġija.   Wara waqfa qasira, illum il-pageants qed jerġgħu jittellgħu fuq inizjattiva tal-Kappillan Dun Evan li għalhekk kompla din it-tradizzjoni.   L-istil tal-pageants tal-lum hu differenti.  Illum isiru fis-sala minflok fil-knisja, però nemmen li l-pageant għadha tħalli bosta ġid l-iktar f’min jimpenja ruħu bis-serjatà fil-volontorjat.

Iltqajt ma’ marti Joan fil-CONG fl-1979. Ejja nsemmu mill-ewwel l-ingredjenti li għaġnu r-relazzjoni ta’ bejnietna.  Iż-żewg missirijiet tagħna kienu attivi fil-Banda u l-Każin La Stella.  It-tnejn kienu Gudjani sew.   Meta ssir taf lill-kunjatu, ssir taf kif tkun Gudjan ta’ veru:  it-3 kampnari, Bir Miftuħ u Santa Marija u dak kollu Gudjan jissemmew b’reverenza u tenerezza.   Missieri  Lonzu u l-kunjatu Nazzarenu, għalkemm ta’ karattru kompletament oppost, kienu jaqblu fuq il-kultura Gudjana. La ommi Guża u lanqas omm marti Frances, qatt ma kienu nvoluti fil-każin u l-banda.   Il-filosofija tal-volontarjat kienet tfisser differenti. Niftakar lil missieri meta qorob għall-pensjoni, impenja ruħu ma’ presepju mekkaniku.  Ommi ma tantx inkoraġġietu, anzi gergritlu. Meta qorob il-Milied u dan il-presepju beda ġej ’il quddiem, qabadha l-entużjażmu. Darba f’Novembru, bħal ikkonvertiet u saqsietu, “Lonz, nista’ ngħinek?”  U missieri ma ssaportiex ma jgħidilhiex, “Trid tgħini?   Tbiegħed minni!”

X’iġiegħel lill-bniedem jiddedika daqshekk ħin u enerġija għal xi ħaġa kulturali? Ma nistax ngħid li sibt xi risposta għal din it-tweġiba.  Dan l-aħħar konna seminar marbut ma’ maratona ta’ rehearsals bil-kor ta’ Ħal Safi u qam dan il-punt: il-volontarjat. Waħda korista llum avukatessa, naħseb li laqtet il-musmar fuq rasu meta qalet li meta konna żgħar trabbejna b’filosofija ta’ L-ewwel il-pappa, imbagħad l-impappa.  Illum qed ngħixu żmien meta l-impappa saret importanti għar-ruħ tal-kumunitajiet fejn ngħixu.   Bil-Volontarjat ta’ tipi differenti li għandna hawn Malta, il-komunitajiet fejn ngħixu huma ferm isbaħ. Irridu nammettu li għandna iktar ħin liberu u l-livell ta’ l-għajxien għola.   Ommi dan baqgħet ma tantx fehmitu. Pero fehmet xi ħaġa importanti: fehmet kemm l-impappa kienet importanti għal missieri.  Skond hi jien minn wiċċi nixbaħ lilha, imma fl-ispirtu ġbidt lejn missieri.

Fost l-isbaħ memorji għandi dawk ta’ kemm is-sieħba tiegħi Joan ingwalatha ma’ missieri u ommi.  Irriżulta li Joan saret taf lil missieri mill-bogħod ferm qabel ma ltaqgħet miegħi.   Skoprejt li missieri, dejjem mhux talli puntwali, imma jħobb jaħseb kmieni, kien imur għax-xogħol kmieni u jgħaddi jisma’  quddiesa fil-knisja ta’ San Pawl Bormla.  Joan kienet tmur l-istess quddiesa u kienet tara raġel twil “jintona l-kant” tal-Quddiesa.  Din qatt ma stajt inniżilha ……. missieri jintona l-kant!   Kien idoqq it-tuba tajjeb ferm, dan kont nafu.  Daqq kemm-il darba ma’ nofs il-baned ta’ Malta, anke siefer ma’ La Valette u l-King’s Own. Imma jintona l-kant, għadni sal-lum ma nistax nimmaġinah! Probabbli kienet xi penitenza mogħtija lilu fil-Qrar. Meta ġie biex jitlaq mix-xogħol organizzawlu festin żgħir fit-tarzna.  Marti Joan u ħuti l-bniet marru miegħu biex jieħdu ħsieb il-ħelu tal-festin. Joan baqgħet milquta minn kemm deher ċar ir-rispett li kien igawdi fost sħabu tax-xogħol.

Meta missieri marad serjament (kellu 65 sena) u deher ċar li ma kienx baqa’ tama, xtaq imur Lourdes. Morna miegħu Joan u jien. Il-pellegrinaġġ sewa lilu u lilna. Lourdes  hemm xi ħaġa spiritwali li ma tispjegahiex.  Ippreparat lil missieri għat-tribulazzjonijiet li kienu ġejjin fuqu. Baqa’ kalm u rrassenjat. Illum din inqisha bħala grazzja kbira minn Alla.

Meta ħsibna biex niżżewġu, ħsibna għal dar. Ħarġu l-plots tal-Kurja.  Applikajna Raħal Ġdid, B’Bugia, Tarxien, Qrendi u Safi.   Telgħetilna bil-polza plot Ħal Safi.   Morna narawha jien, Joan u l-kunjatu.   Iddeċidejna li neħduha u nibnuha.

Iżżewwiġna fl-1982 u morna noqogħdu Ħal Safi fid-dar li bnejna fi Triq il-Kuċċard.  F’Marzu ta’ wara miet wieħed mill-organisti li kien hemm Ħal Safi, Filumen Cachia.  Fr Mike Agius, il-Kappillan, sar jaf bil-passat tagħna u ħajjarni nagħti daqqa t’id Ħal Safi.  Daqqejt il-Quddiesa tad-Duluri. Fil-preċett il-Kappillan ġabar grupp ta’ tfajliet biex nieħdu ħsieb il-kant.   Kien il-bidu tal-Kor Sine Macula li nista’ ngħid li miegħu għaġint ħajti għal dawn l-aħħar 18-il sena.

Pauline Pace, lemin,  tidher qiegħda ddoqq l-accordion taz-Ziju Patist fil-puċissjoni tal-Milied organizzata mill-MUSEUM ta’ Ħal Safi. Fin-nofs tidher Alexandra Ellul, illum miżżewġa Borg. Fuq ix-xellug l-awtur jidher idoqq l-accordion li fl-1976 kien xtara Lm100.

Fil-Milied ta’ l-istess sena (1983) is-Superjur Pawlu Sammut ħajjarni ndoqq l-accordion fil-purċissjoni tal-Bambin li dik is-sena xtaq jagħmel lejlet minflok nhar il-Milied.   Joan kienet tqila b’Pauline, it-tifla l-kbira u hekk nistgħu ngħidu kompla d-destin tiegħi.   Minn dakinhar bqajt nieħu sehem bl-accordion f’din il-purċissjoni. Dan l-aħħar tliet snin, binti Pauline u żewġt  iħbieb tagħha, Michela u Alexandra, akkumpanjawni. Binti Pauline daqqet l-accordion l-aħmar taz-ziju Patist. 

Ir-rota kienet daret ċirku sħiħ.

Tony Pace  (Sajf 2001)

3 Responses to Rajt lill-Gudja Tinbidel (1953-2001)

  1. carmel zammit says:

    bongo toni (il-muller)jien gudjan bhalek kont socju bhalek pero mhux 48 sena ghandek imam xi 61 jekk twelidt fil 53 zammit kunjomi

    • pacetoni says:

      Għażiż Carmel, l-artiklu ktibtu meta kelli 48 sena …. illum għandi 61 vera. Fil-fatt, dawn l-aħħar 14-il sena mhumiex imsemmija fl-artiklu. Ġraw ħafna affarijiet oħra sadanittant. Tislijiet. Toni

  2. Hector Sammut says:

    Proset Toni. Dak iz zmiem kienu zmienijiet sbieh li xtaqthom li ma jaghddu qatt.Tislijiet Hector

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: